Thursday, December 09, 2010

Clare Azzopardi żżur San Anton


Clare Azzopardi, waħda mill-iktar awturi maħbubin, żaret San Anton fil-1 ta' Diċembru. Iltaqgħet l-ewwel mal-istudenti tal-Grade 10 u kellmithom dwar il-ktieb tagħha li ħareġ is-sena l-oħra, Il-Każ Kważi Kollu tal-Aħwa De Molizz. Il-ktieb jirrakkonta l-ġrajja ta' żewġt aħwa, Saver u Klawdjo De Molizz, li għandhom mibegħda kbira lejn tfal intelliġenti. Tant ma jistgħux għalihom li jiffurmaw aġenzija għat-twaqqigħ tal-iskejjel: kull m'għandhom bżonn huma l-firem ta' diversi studenti u l-iskola ssir frak. Pero' l-affarijiet ma jmorrux kif basru fil-bidu...

Clare qrat xi siltiet mill-ktieb u wara l-istudenti kellhom l-opportunita' li jistaqsuha domandi, dwar l-istorja tal-aħwa De Molizz, dwar il-karriera tagħha bħala kittieba u anki dwar xi xogħol li qed taħdem fuqu bħalissa.

Immedjatament wara ġew il-Grade 6. Clare ippreparat xi affarijiet fuq is-sensiela ta' Jake Cassar, it-tifel li flimkien m'oħtu Melanie, jivvjaġġa ta' sikwit fir-Renju tar-Re Pankrazju IV. Hawnhekk ikollhom diversi avventuri u jiltaqgħu ma' kreaturi bħall-furuni u s-sriek.

Wara li qratilhom xi siltiet mill-kotba u rrispondiet għall-mistoqsijiet li kellhom, Clare għamlitilhom eżerċizzju ċkejken. It-tfal kellhom stampa ta' sħabha li fiha kellhom ipinġu l-affarijiet li l-iktar jieħdu gost jaħsbu dwarhom. Meta lestew, il-librerija mtliet kollha sħab bil-ħolm tal-istudenti.

Fl-aħħarnett, Clare ġentilment iffirmat il-kotba tat-tfal u wegħdithom li la jkun hemm avventuri oħra ta' Jake Cassar, terġa' tiġi żżurhom!

Din iż-żjara ġiet organizzata minn MERLIN LIBRARY.

No comments: