Ma damux biex waslu iżda kellhom joqogħdu jistennew lil Ċetta tniżżel il-basktijiet tal-ikel li kienet ġabet magħha. L-akbar biża' ta' Ċetta kien li tispiċċa bil-ġuħ. Kienet mara ħoxna u qasira, dejjem għarqana xraba u b'nifisha maqtugħ.
Telgħu fuq id-dgħajsa li kienet qiegħda tistennihom. Il-barklor kellu jinżel jgħin lil Ċetta ttella' l-basktijiet. Meta fl-aħħar tellgħu il-basktijiet kollha, indunaw li d-dgħajsa kienet qed tegħleb għal fuq in-naħa ta' fejn kienet Ċetta u l-affarijiet tagħha! Spiċċaw b'Ċetta u l-basktijiet fuq naħa waħda u l-kumplament tal-grupp fuq in-naħa l-oħra, fost it-tgergir ta' kulħadd.
Fl-aħħar waslu Kemmuna. Imma wara li ħareġ kulħadd barra Ċetta, id-dgħajsa reġgħet bdiet tegħleb! "Aqbeż, Ċett!" għajtet Gerit b'kemm kellha saħħa. Ċetta qabżet bil-basktijiet f'idha u ġiet fix-xifer tal-moll. U li kieku ma kienx għall-barklor u l-kappillan li żammewha, Ċetta kienet tispiċċa ġol-baħar!
Sabu roqgħa ramel u ntefgħu hemm jixxemxu. Ċetta mill-ewwel bdiet toħroġ l-ikel: ftajjar biż-żejt, termosijiet bil-kafe' u t-te', ħobż bil-ġbejniet u z-zalzett Malti, pakketti tal-gallettini, galletti u bigilla u ħafna affarijiet oħra. Sfortunatament, bis-sħana li kienet, il-kunserva ta' mal-ħobż kienet diġa' qraset u l-ħalib li ġabet għal mal-kafe' u t-te' kien sar krema. Ċetta xejn ma tat każ. Poġġiet bilqiegħda, ħarġet ftira u ferrgħet tazza te' u ntefgħet tiekol u tixrob u tpaċpaċ ma' Gerit.
Wara li kielet, neħħiet il-ħwejjeġ ta' fuq u kixfet il-malja; imbagħad intelqet tgħum. Wara xi siegħa iddejqet u ħarġet mill-ilma. Iżda ma setgħetx issib il-ħwejjeġ! Qajmet paniku sħiħ u kulħadd beda jfittex l-imberkin ħwejjeġ ta' Ċetta. Sa fl-aħħar, Dun Feliċ sabhom wara blata.
Imma issa kien sar il-ħin u Dun Feliċ beda jiġbor in-nies madwaru biex imorru lura Malta. Imma nesa jgħid lil Ċetta! Kienet rieqda raqda nobis fuq ir-ramel u ħadd ma ftakar fiha sakemm kienu kollha fuq id-dgħajsa lesti biex jitilqu. Il-barklor kien għoddu telaq imma Gerit ftakret fl-aħħar minuta. Marret tiġri tqajjimha u reġgħu telgħu fuq id-dgħajsa.
Sa fl-aħħar kulħadd wasal lura d-dar u mar jorqod fil-fond. L-aktar il-kappillan.
Catriona Roanna Cutajar
Grade 7
No comments:
Post a Comment